Sunday, 12 August 2007

Min se jgħasses lill-għassiesa?

Min se jgħasses lill-għassiesa? (Quis custodiet ipsos custodes?) Kieku kelli mmur f'għassa tal-pulizija u nakkuża lil xi ħadd b'reat li fil-fatt ma jkunx seħħ, il-pulizija tieħu passi legali kontrija talli għamilt rapport falz - kif għandu jkun. Kemm huwa iżjed serju meta tkun il-pulizija stess li tressaq nies quddiem il-qorti u tixlihom b'sensiela ta' atti kriminali li l-pulizija stess jafu li kienu foloz? Nhar l-14 ta' Frar, il-maġistrat Antonio Mizzi illibera lil 31 mara li kienu ġew imressqa mill-pulizija mixlija bi prostituzzjoni u li mexxew burdell - fost akkużi oħra. Il-pulizija kollha li ttellgħu jixhdu ammettew li imkien ma raw indikazzjoni ta' prostituzzjoni, u ma kien hemm ebda indikazzjoni li l-persuni mixlija kellhom xi sehem fit-tmexxija tal-post - li ovvjament ma kienx burdell. Il-maġistrat ikkritika lill-prosekuzzjoni (il-pulizija) talli xlew lil dawn in-nies b'dawn l-akkużi. Kritika oħra kienet dwar il-mod kif ġew trattati - uħud min-nisa ġew imġegħla joħorġu barra fit-triq bl-istess ilbies imqaċċat li kienu libsin ġewwa l-istabbiliment "biex kulħadd jara x'intom". Dan x'raġunament hu? Aġir bħal dan imur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li jipprojbixxu trattament degradanti saħansitra lil min jinsab ħati, aħseb u ara xi ħadd li anqas għadu tressaq il-qorti. Xogħol il-pulizija mhux li jiddeċiedu min hu ħati u jaqtgħu is-sentenza huma. Filwaqt li nifraħ lill-maġistrat ta' dak li qal bla tlaqliq, il-mistoqsija li għandna nistaqsu hi, x'passi se jittieħdu kontra dawk responsabbli? Il-pulizija għamlu akkużi foloz lill-qorti, u ttrattaw lill-akkużati - li fil-fatt kienu innoċenti - b'mod abbużiv. Jien nikkunsidra dawn l-azzjonijiet bħala atti kriminali - u l-pulizija għandha l-obbligu li tieħu passi kontra dawk responsabbli. Kien hawn żmien - m'ilux ħafna - fejn ħafna Maltin kienu saru jibżgħu mill-pulizija. Jekk int tkun akkanit ta' partit flok ieħor, tista' tħabbat wiċċek ma' xi membru tal-korp li għalih il-liġijiet ma jgħoddux. Għalkemm iż-żminijiet inbidlu, din l-azzjoni tal-pulizija tfakkar f'dawk iż-żminijiet ta' l-imgħoddi, jew inkella l-"morality police" ta' l-Iran, li jekk jaraw tnejn iżommu idejn xulxin jiċċekkjaw jekk humiex miżżewġa. Din id-darba, xi proxxmu qabad u ddeċieda li kull persuna liebsa "indeċenti" fi stabbiliment strettament għall-adulti għandha tiġi arrestata, degradata u mixlija b'akkużi falsifikati. Barra minn hekk, għandna naraw jekk dan it-tip ta' kontroll morali għadx hemm loku. Fl-istabbiliment konċernat setgħu jidħlu biss adulti minn 21 sena 'il fuq, u kull min jidħol jaf x'tip ta' "shows" isiru. Jekk persuna adulta tixtieq tidħol fi stabbiliment bħal dan m'għandu jkun hemm ebda restrizzjoni. Anzi, dan jista' jimla' niċċa fil-prodott turistiku tagħna.